|
Għażla ta' Poeżiji ta' Adrian Grima |
||
|
|
||
|
Hawnhekk qed nirriproduċi xi poeżiji miktubin
bejn l-1989 ("Illejla, Jekk Trid...") u l-2006. Ħafna minnhom dehra
fil-kotba tiegħi, f'antoloġiji ta' Inizjamed, u f'rivisti u kotba
internazzjonali. Inqraw ukoll waqt attivitajiet kulturali f'Malta u barra
minn Malta. Naturalment, jekk tixtieq tużahom nitolbok tinfurmani. |
||
|
Minn Rakkmu (2006) Iċ-Ċimiterju ta' Arlington, Virginia Dit-Tagħbija Barranija [jaqra Ray Calleja] Spazji Oħra [taqra Marcelle Teuma] Ramallaħ (silta) [taqra Marcelle Teuma] Dubrovnik [taqra Marcelle Teuma]
|
||
|
Minn It-Trumbettier (1999) It-Traġedja ta' l-Iljunfant Li Ried Jidħol f'Gaġġa ta' l-Għasafar |
||
|
Poeżiji Oħra |
||
|
Il-Kriżi tal-Valuri |
||
|
Waqt l-innu Malti ma nafux x'se naqbdu nagħmlu b'idejna. Idejna jistennew mumenti bħal dawn bil-ħerqa, għax niftakru fihom kif inhuma, mhux bħala strumenti f'idejna.
L-innu Malti, niskopru kull darba, jindaqq biex ifakkarna li aħna dak li aħna, li nilbsu dil-ġilda lewn ix-xemx u dan il-moħħ lewn ix-xagħri. Imbagħad meta nħarsu lejn xulxin nintebħu x'għandna nagħmlu. Mhux dejjem nagħmlu hekk, skond l-udjenza.
U nħossni qisni spalliera li waħedha baqgħet tistenna li titgħatta; ktieb li nqalgħulu l-paġni; fidil wara stering ta' karozza f'salib it-toroq li ma tridx tistartja; poplu li qed jistenna wara l-bieb ta' uffiċċjal pubbliku biex isir nazzjon, mingħajr ma jemmen fil-kredenzjali tiegħu stess, jew fl-utilità.
Waqt l-innu nazzjonali nilbsu l-ġlekk ta' l-okkażjoni, l-iktar ilbies fjakk għax jiekol mid-diskorsi u jixrob il-grokkijiet tal-pożi.
Darb'oħra forsi npoġġihom quddiem għajnejja u nsodd widnejja, f'salt.
|
||
|
lil ħabibi Samir, Berberu Alġerin, waqt gwerra ċivili
F’għajnejh hemm kontinent jissara u jirbaħ, kulturi jistennew bla kwiet il-waqt, muntanji siekta jitħejjew għall-baħar, memorji ‘l hawn u ‘l hemm bħal dwal weqfin.
Bagħtulu nota d-dar u avżawh… inkella… minn dak il-ħin sar klandestin taż-żmien; u kulfejn mar kien bogħod mid-dar li ma ridhiex, u riedha.
F’għajnejh hemm konvinzjoni ġdida mwerwra hemm dell li fih jistkenn ħalliel armat; reġistru wċuħ imwiegħra, ‘kkanċellati, tissara kontra xemx li trid tnessih.
Ío fih hemm belt mixgħula, tfassal, tbaqbaq, li niżlu fuqh’ aljeni mitfijin; u kulma ried ġo nofs das-swied kien biss li jmur, u telaq.
U fil-fixla ħalla nofs bniedem warajh għal dejjem; miegħu kaxkar biss it-tama li jiġbor imqar ftit qofol, ftit biċċiet.
Asefru, bil-Berberu Alġerin, tfisser “poeżija” u titlissen “asfru”
|
||
Qamar?Samwel, wara sena u nofs
Għax int bi nhar bilfors trid tara l-qamar; u jien, għax dmiri li nissodisfak, noffrilek xemx li tfiġġ minn wara sħaba, imm’ int ma tridx ‘il “din”, int trid ‘il “dak”.
Għalhekk, minkejja n-nhar, tistenna l-qamar, u jien ġo fija naf li mhux se jfiġġ; noffrilek nostalġija, qamar kwinta, imm’ inti tridu issa stess, pariġġ.
Għax int mhux biss bil-lejl trid taħfen qamar, u jien ma nafx kif se nikkuntentak, “hemm ġranet mod u ġranet mod”, infiehmek, imm’int ma tridx diskors, int trid ‘il “dak”. |
||
Is-Santi Padri tal-Poeżija*
Isejħulhom is-Santi Padri. Għalihom jeżisti l-vatikan tagħhom biss, u kull interpretazzjoni titbiegħed wisq. Jemmnu f'alla wieħed, naturalment, imdawwar bi ftit appostli: ma jkollokx alla ieħor għajri. Min ma jtennix il-patroloġija tagħhom ma jeżistix, jew ma jistħoqqlux jeżisti, u l-globalizzazzjoni ma tiswiex, jew saħansitra ma teżistix, jekk ma tigglobalizzax lilhom; il-kelma tagħhom tibqa' – ta' l-oħrajn ma tibdiex.
Fejn ma jasalx leħenhom irpużat tasal l-id moħbija tan-nom de plume; fejn ma jasalx in-nom de plume, jaslu l-appostli; jew bil-kontra. In-nifs li jonfħu, nifs universali; l-iskossi respiratorji ta' l-oħrajn, marradija u neqsin mit-taħriġ u d-dekor tal-pulmuni maturi.
Max-xandir u ma' xulxin iżżewġu żwieġ ta' serħan u konvenjenza: Ix-xandir jitkabbar bihom, huma jitkabbru bix-xandir, u bejniethom jitkabbru b'xulxin. U meta jmaqdru wieħed lill-ieħor, fil-moħbi, jikkapparraw għal dejjem kull possibilità ta' tmaqdir. Id-dinja ta' l-allat, jew tas-Santi Padri, mhix ir-roqgħa tal-bnedmin. U dawn il-ftit skossi poetiċi li qrajt la għandhom il-barka ta' l-allat u lanqas mhuma mnebbħin.
*Titlu mnebbaħ minn kumment profan ta' Sergio Grech
|
||