MAL 3068

 

Il-Mediterranjetà u l-Letteratura Maltija

 

L-għan ewlieni tal-kors huwa li jara x’tgħid il-letteratura Maltija dwar il-Mediterran, kif tirrappreżentah, x’importanza tagħtih. Il-kors janalizza r-riferimenti diretti għall-"Mediterran" f'għadd ta' testi minn perijodi differenti ta' l-istorja tal-letteratura bil-Malti, iżda jistħarreġ ukoll testi, bħall-poeżija "Lid-Dielja" (u "Viticoltura") ta' Dun Karm u "Sqaq Nru. 1" ta' Simone Inguanez li jidhru li "jieħdu sehem" fil-ħajja tal-Mediterran.

 

Fejn tidħol il-metodoloġija, il-kors se jitlaq dejjem minn testi letterarji Maltin biex jirrifletti fuq il-mod kif il-baħar u r-reġjun qegħdin jinfluwenzaw il-letteratura Maltija u biex naraw kif il-letteratura qiegħda tħares lejn il-Mediterran u tinfluwenza l-mod kif iħarsu lejh il-Maltin.

 

Fl-aħħar tal-kors isir eżami li jiffoka fuq id-diskors dwar l-immaġinarju Mediterranju u kif dan jidher fit-testi kritiċi u letterarji Maltin. Waħda mill-mistoqsijiet fl-eżami tagħti lill-istudenti l-possibbiltà li janalizzaw testi letterarji Maltin magħżula minnhom fil-kuntest tad-diskors dwar x'inhu l-Mediterran.

 

Ara l-Biblijografija qasira hawnhekk.

Ara l-karta tal-eżami li tajt f'Mejju tal-2008 għal dan il-kors.

 


 

Osservazzjonijiet Preliminari

Uħud mix-xogħlijiet letterarji u “testi” oħra li se jiġu analizzati

 

Fl-ewwel lecture nagħmel introduzzjoni dwar it-testi letterarji Maltin u t-testi dwar il-Mediterran. Ninsisti fuq il-ħtieġa tal-qari u r-riċerka. Nirreferi wkoll għal artikli dwar il-Mediterran fil-Letteratura Maltija li jinsabu fuq l-internet, u nuża www.babelmed.net u www.adriangrima.com bħala punt tat-tluq. Artikli bħal “Being Mediterranean is a Decision You Make” jagħtu ħjiel tal-pożizzjoni tiegħi li tbiegħdet sew minn dak li ktibt fit-teżijiet tiegħi tal-BA u anki, sa ċertu punt, tal-Masters.

 

Għal testi analitiċi ewlenin li jinsabu fil-qalba tal-konċezzjoni ta' dan il-kors ara x-xogħol ta' Peregrine Horden, Nicholas Purcell, Michael Herzfeld, W. V. Harris, Predrag Matvejević, u Thierry Fabre. Il-kors iħares lejn testi analitiċi Maltin, li fil-fatt mhumiex wisq, li jikkonċettwalizzaw il-Mediterran bħala reġjun, bħala kultura. Dawn huma primarjament xogħlijiet ta' Francis Ebejer u Oliver Friggieri. Hemm ukoll, minkejja li huma testi letterarji, ir-rumanzi tal-kittieba Maltija-Awstraljana Lou Drofenik, Birds of Passage, In Search of Carmen Caruana u Of Cloves and Bitter Almonds.

 

Fil-bidu tal-kors nuri siltiet mill-film Il Mediterraneo ta’ Gabriele Salvatores (ara xi kummenti) biex niddiskuti d-diskors dwar il-Mediterran u r-relazzjoni kumplessa bejn id-diskors u r-realtà; l-isterjotipi dwar il-Mediterran li l-film donnu ma jipproblematizzahomx. Dokument tajjeb li jagħti ħarsa empirika lejn ir-reġjun tal-Mediterran huwa l-Medlink Report. Hemm ukoll film importanti ta' Pollett.

 

Wieħed mix-xogħlijiet li jitkellmu speċifikament dwar il-Mediterran huwa l-poeżija "Lill-Baħar Mediterran" ta' Dun Frans Camilleri. Dan huwa wieħed mill-punti tat-tluq possibbli għal stħarriġ tat-testi letterarji li jiżviluppaw diskors dwar il-Mediterran. F'dan il-kuntest hemm referenzi letterarji u politiċi għal "Malta Ġawhra tal-Mediterran," metafora antika (ara Dun Karm) li tidher, b'ironija, f'"Malta Ġenna tal-Art" ta' Ġużè Ellul Mercer. F'dan il-kuntest aktarx nirreferi għal xi referenzi għall-Mediterran f'It-Tmien Kontinent ta’ Trevor Żahra

 

Trattament iktar imlaħħam tal-Mediterran bħala reġjun kulturali jinsab f'Il-Ġaħan ta’ Binġemma ta’ Francis Ebejer. Ġaħan jidher bħala karattru li jirrappreżenta s-sintesi ta' kulturi differenti fil-Mediterran, l-identità u d-diversità kulturali. Niddiskuti l-għażla Mediterranja ta’ Matvejević u ta’ Francis Ebejer f’dan id-dramm u The Bilingual Writer (Mediterranean-Maltese and English) as Janus. F'dan il-kuntest tista' tara l-artiklu tiegħi “Għażla Mediterranja” f’dil-website. Sikwit il-Mediterran huwa identifikat mal-imgħoddi u mad-dinja Għarbija. Ebejer jirreferi kemm-il darba għar-reliġjonijiet tal-Mediterran, bħalma jagħmlu Andrea Riccardi u Bede Griffiths (The Marriage of East and West), ir-reliġjonijiet “Semitiċi,” “tal-Ktieb.

 

Wieħed mill-iktar xogħlijiet interessanti fin-narrattiva romantika li jirreferi għall-Mediterran huwa r-rumanz Lejn ix-Xemx ta' Ġużè Bonnici. Fl-istess perijodu nkiteb ir-rumanz straordinarju ta' Juan Mamo, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, xogħol li minnu nislet ukoll analiżi tal-emigrazzjoni Maltija fi ħdan il-Mediterran fis-seklu 19 u l-ewwel snin tas-seklu 20.

 

Fejn jidħol id-diskors dwar il-Mediterran, xogħol letterarju importanti huwa dak ta' Frans Sammut. Uħud min-novelli mill-ġabra Newbiet juru kuxjenza qawwija tad-dimensjoni kulturali Mediterranja. Ara, ngħidu aħna, “Seta’ Kien” (p. 63), “seta’ kien il-Mediterran li qanqal fih il-ħtieġa li jitbissem” (p. 66); “Il-Vikingi ta’ Wied iż-Żurrieq” (p. 60), “ruħu ħassha tfur bl-ispirtu tal-Mediterran”; u “Il-Biża’ tal-Griegi”. Ara wkoll "Fjuri tal-Mimosa" ta' Joe Friggieri fil-ġabra Ħrejjef għal Żmienna u “Tappijiet u Rigali” f'L-Istejjer tar-Ronnie. Uħud mill-aspetti li nistgħu nittrattaw huma r-relazzjoni bejn il-Mediterran u l-Ewropa Ċentrali u ta' Fuq, l-idea li jeżisti “l-ispirtu” tal-Mediterran; ir-rwol tal-baħar; u l-memorja kollettiva; il-Mediterran il-ġdid tat-turiżmu tal-massa.

 

Fil-poeżija ta' wara l-Indipendenza, ix-xogħol ta' Daniel Massa, bil-ġabra Xibkatuliss, speċjalment “Xibkatuliss II” (il-baħar, l-omm, il-memorja kollettiva, il-mitoloġija), u "Għall-Kaċċa tal-Grejtwajt [għal Daniel Leouwers]," u Mario Azzopardi (eż. “Repubblika,” “Mediterranja,” “Ħamra u Kaħla”) huwa partikolarment rilevanti. Fost il-kittieba tas-seklu 21 hemm Simone Inguanez, b'xogħol bħal “Sqaq Numru 1” (il-vjaġġi u t-taħlit kulturali). Malta tidher bħala punt fejn jiltaqgħu bosta ġnus u kulturi, u dan ifakkarna fi  Braudel: “the Mediterranean is the sum of its routes.”

 

Ara l-Biblijografija qasira hawnhekk

 

© Adrian Grima

Mejju 2009