Bżieżaq taż-Żmien  
 

  Fejn bnadi oħra ż-żmien kien qed jistenna bil-ħerqa kollha lit-tielet millennju ġej, fil-barracks li saru djar tan-nies it-tielet millennju kien ilu li għadda żmien. U bħalu kienu għaddew it-tieni, ir-raba', u l-millennji kollha li wieħed jista' jimmaġina. Fil-kwartier, fil-fatt, kulħadd kien waqaf jimmaġina: min għax għeja; min għax kien imħabbat wisq; min għax kien konvint li l-immaġinazzjoni, bħad-droga, iġġib lill-bnedmin f'sensihom; min għax ħadd ma kien qallu kif; min għax ma kienx jaf li suppost kellu jixtieq jimmaġina; u min bi sfida.

Twanny kien qed isegwi, nifs nifs, il-ġrajjiet imqanqla ta' erba' min-nies iduru fl-istess erba' postijiet, jgħidu l-istess affarijiet, u jipproġettaw l-istess espressjonijiet. It-televixin kien qed iħalli effett ħafna ikbar miż-żmien u s-soap opera "Qrejjen" kienet ikkapparat hi l-ħila ta' Twanny li jimmaġina. Twanny kien qed jgħix għall-"Qrejjen" u l-qrejjen beda jarahom anki fejn ma kinux qegħdin. Imma din ma kinitx immaġinazzjoni.

Hu u għaddej minn qalb il-bini li darba kien tas-suldati, it-tielet millennju ma ħalla ebda traċċa tal-preżenza tiegħu, aktarx għax tfaċċa fil-ħin tal-"Qrejjen" meta kulħadd (ħlief forsi Frans) kien imħabbat jitfa' waħda mill-erba' stejjer fuq xulxin, taħt xulxin jew maġenb xulxin. L-istess seta' ġralhom tant millennji oħra.

U allura waqt li fi bnadi oħra kien hemm attività sħiħa għaddejja, fil-barracks ma kien qiegħed jiġri xejn speċjali. Fi nħawi oħra, kienu qegħdin iġonġu l-festuni tagħhom biex joħolqu minnhom sriep twal li jifilħu għall-miġja tal-ġgant li ħadd qatt ma kien ra bħalu; kienu qegħdin jiktbu stejjer bħal din biex jiċċelebraw il-kisbiet il-kbar taż-żewġ millennji ta' qabel u jantiċipaw il-kisbiet bla preċedenti li kienu diġà qegħdin jinħmew fl-imħuħ kbar u miftuħin tal-ġenerazzjoni tat-tielet millennju; kienu qegħdin jippreparaw ikliet b'elfejn kors u bid-deserta fl-aħħar, simbolu tal-ħlewwa l-ġdida; kienu qegħdin jimlew il-ħofor fl-edukazzjoni u fil-mezzi ta' komunikazzjoni biex kollox jibqa' għaddej lixx. Kien hemm attività li ħadd ma seta' jiftakar li qatt ra bħalha. U fil-barracks tas-suldati kienu qegħdin jitilfu dan kollu: meta r-residenti tal-post kienu joħorġu minn ġol-kwartier biex imorru jixtru, jew biex imorru jġelldu l-klieb ta' l-aħħar tal-millennju l-antik, kulħadd kien ikellimhom dwar il-ġrajja l-kbira, dwar il-miraklu taż-żmien, dwar il-kalendarju tax-xewqat tiegħu. Imma għalxejn.

Għal min kien ħalla t-tielet millennju għaddej mingħajr ma ntebaħ bih, dan id-diskors kollu, bħall-immaġinazzjoni, ma kienx jeżisti, u kien jisma' affarijiet kompletament differenti minn dak li kienu jisimgħu n-nies ta' bnadi oħra. Dan, sa ċertu punt, kien vantaġġ għax ma kellhomx il-biża' li jinqabdu fid-diskors il-ġdid u jibqgħu mwaħħlin fih. Minħabba l-insistenza fuq il-passaġġ taż-żmien minn millennju għall-ieħor, kien hemm il-biża' li min ma jlaħħaqx ma' dak id-diskors jinqabad fl-ewwel biċċa u jibqa' għal dejjem imwaħħal f'millennju antik, sorpassat, barrani. Barra minn hekk, ir-residenti tal-barracks kienu ħelsu wkoll mill-problema ta' l-awguri; din ta' l-awguri kienet xi ħaġa antipatika ħafna għax min jawgura kien qiegħed jissogra li jeħel hu jew iħalli lil ħaddieħor imwaħħal fil-millennju l-qadim. U għalhekk, mingħajr ftehim ta' xejn, ħafna min-nies tal-kwartier bdew jevitaw l-espressjoni perikoluża "Il-millennju t-tajjeb", jew "ħapi millennjum", u jaqgħu għal varjanti iktar laxki li ma kinux marbutin bilfors mal-ġrajja l-kbira bħal "Awguri", "Oldibest", "Is-sena t-tajba", "ħapinjujer", u saħansitra "ċirs" u anki "Il-festi t-tajba", bl-iskuża li kien hemm il-Milied, il-vaganzi u x-xattdawn fil-viċin. Perikoluża wkoll kienet l-espressjoni stupida "Il-Kumplament", u dawk li ma qagħdux attenti malajr saru jafu għaliex. Każ minnhom kien dak ta' tifel imfissed li qala' rigal ta' elf lira mingħand nanntu ta' mitt sena u bit-tbissima weġibha bl-espressjoni "Il-Kumplament", li tant kienet laxka f'moħħu li meta sabet ruħha fuq fommu aktarx instemgħet qisha, "U l-Kumplament?" Fortunatament, għal ħafna min-nies ta' barra l-kwartier fil-mument kruċjali taċ-ċelebrazzjoni kienu se jgħoddu s-sekondi flimkien u mbagħad ikantaw "Oldlangsajn", kanzunetta stramba li ħadd qatt ma tgħallimha, imma kanzunetta li kienet ideali għax kienet titkanta darba biss fl-aħħar tas-sena, meta jinġemgħu l-għeja u x-xorb ta' sena sħiħa.

U allura, waqt li fi bnadi oħra, jiġifieri fil-bqija tad-dinja magħrufa mid-dinja tal-mezzi tal-komunikazzjoni, kienu qegħdin jgħabbu l-ajruplani tat-tagħbija bil-bżieżaq biex imbagħad jitilquhom fuq it-tielet millennju; waqt li n-nisa kienu qegħdin jimbuttaw u jitqanżħu kemm jifilħu biex iwelldu t-tielet millennju tagħhom u b'hekk isiru famużi mad-dinja kważi kollha; waqt li l-mistednin kienu qegħdin jaslu kullimkien biex jiċċelebraw b'ferħ kbir dak li fil-barracks kien għadda u ħadd ma induna bih; waqt li fil-metropoli kienu qegħdin joħorġu l-ikbar kejk tad-dinja biex jaqsmuh, kif qalu, waqt li ż-żmien kien qed jinqasam bejn it-tieni u t-tielet millennju; waqt li kienu qegħdin jinxtraw, f'ferneżija ta' għerf u bejgħ ta' għerf, kotba mimlijin kliem, u stampi, u kalkoli li jippruvaw, mingħajr ebda dubju, li dak il-mument tant mistenni kien ġie kkalkulat ħażin, u għalhekk jew kien diġà għadda jew kellu jiġi iktar tard; waqt li l-filosfi, il-poeti, is-sħaħar, u l-istrambi l-oħra kollha kienu qegħdin isostni, b'għajnejhom imsammrin fuq l-arloġġ, li dak il-waqt tant mistenni kien se jgħaddi mingħajr ħadd ma jkun jista' jwaqqfu biex igawdih; waqt li ħadd ma beda jieħu dawn l-oġġezzjonijiet bis-serjetà, imma kulħadd kien konvint li kienu sinjal tal-kisbiet il-kbar li kellhom jiddistingwu lill-millennju l-ġdid minn ta' qablu; waqt li kien qed iseħħ dan kollu, u aktar, fil-barracks kien hemm atmosfera ta' kwiet mhux tas-soltu li ħadd ma induna biha, ħlief Frans. Twanny kien qiegħed isegwi verżjoni kkupjata ta' "Qrejjen" mibluh, għal darb'oħra, bil-fatt li meta kien ra dawn il-puntati l-ewwel darba kienu qabżulu ħafna kelmiet li tant kien fihom x'tifhem li lanqas kienu jifilħu lilhom infushom.

Wara li kienu tilfu għal kollox il-ħila li jimmaġinaw affarijiet li ma kinux jeżistu fir-realtà, ir-residenti tal-barracks kienu waqgħu f'realiżmu kbir, u fil-kelmiet ta' "Qrejjen" kienu qegħdin isibu affarijiet li fil-bżieżaq tat-tielet millennju ma setgħu jeżistu qatt. Kien għalhekk, aktarx, li minflok kiteb storja dwar il-bżieżaq taż-żmien, Frans kiteb din l-istorja dwar il-kliem.

 

© Adrian Grima (Jannar, 1998)

Storja ppubbikata fil-ktejjeb Proġett Bla Millennju (KKU, 1998)